IL-KNISJA PARROKKJALI

(Tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino, b'żieda ta' tagħrif minn Jos. A. Farrugia, mill-ktieb "Il-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien", editur Vince Borg (1973))

Il-Bini tal-Knisja

knisja minn barra

Id-29 ta' Mejju 1592, bla dubju hija l-isbaħ data fl-istorja ta' Ħal Tarxien għaliex dak inhar l- Isqof Tumas Gargallo (1578-1614) għolla l-knisja qadima tal-Lunzjata għal-Parroċċa, u b'hekk Ħal Tarxien inqata' mill-Matriċi ta' Bir Miftuħ.

Insibu li l-W.R. Dun Gio Pawl Agius, kappillan ta' Ħal Tarxien flimkien ma' tliet prokuraturi, kien bagħat rikors lill-Isqof fis-sena 1610 biex jibnu mill-ġdid il-knisja l-qadima ta' l-Annunzjata (Parrokkjali) f'nofs il-pjazza tar-raħal.

Mhux magħruf eżatt meta nbeda l-bini tal-knisja , kif lanqas ma nafu min seta' kien il-perit li fassal din il-pjanta. Biss jingħad li bdiet tinbena fil-5 ta' Mejju 1610 . Madankollu jidher ċar li sas-sena 1621 il-bini tal-knisja kien għadu mhux lest, iżda hu maħsub li sas-sena 1627 ix-xogħol fl-arkitettura fuq din il-knisja parrokkjali ġdida kien spiċċa, kif hu kkonfermat fil-vista pastorali li saret dik is-sena, fejn jispjega li s-saqaf kien troll u l-koppla ċatta.

saqaf tal-knisja

Fir-rapport tal-viżta pastorali nsibu li din il-knisja kienet bi tliet navati b'kappella fuq kull naħa ta' l-altar ewlieni kif ukoll żewġ kappelluni, u koppla ċatta fuq il-parti ċentrali tagħha bil-forma ta' Salib Latin. Fuq il-faċċata ewlenija fuq il-bieb tan-nofs kien hemm gallerija bil-balavostri tal-ġebel b'ħames armi skolpiti fil-ġebel.

Dawn l-armi kienu waħda tal- Papa Pawlu V (1605-21), oħra tal-Gran Mastru Alof de Wignacort (1601-22), tnejn oħra ta' l-Isqof Tumas Gargallo (1578-1614) u ta' l-Isqof Cagliares (1614-33). Kien hemm ukoll arma oħra, dik ta' l-Universita' ta' l-Imdina, li hija l-arma tal-Maltin.

Sas-sena 1636, il-Knisja kienet mogħnija b'żewġ kampnari b'piramidi tal-ġebel fuqhom, wieħed fuq kull naħa, li wieħed minn dawn il-kampnari diġa' kellu ġo fih qanpiena kbira. Hawnhekk wieħed irid jgħid li din il-knisja kienet l-ewwel waħda fost il-knejjes parrokkjali li kellhom żewġ kampnari fil-faċċata tagħha.

Wara s-sena 1709 sar ħafna tibdil strutturali u tiżjin ieħor fl-arkitettura ta' din il-knisja. Sa l-1740 bnew it-tliet koppletti fuq kull naħa tal-knisja.

knisja minn gewwa

Dan hu konfermat mill-vista pastorali ta' l-Isqof Alpheran de Bussan f'Ottubru 1745 meta qal li ‘tul dawn l-aħħar ħamsin sena, din il-knisja ġiet qisa mibnija mill-ġdid'. Wara din il-vista pastorali, inbeda x-xogħol fuq il-faċċata tal-knisja, li quddiemha diġa' kien hemm zuntier imdaqqas sewwa. Wara l-1709 kien hemm min ried li jinbeda x-xogħol tal-faċċata, iżda nafu li din kellha tinħatt u tinbena mill-ġdid iżjed tard. B'effett ta' dan bejn l-1755 u l-1757, meta tlesta s-salib tal-frontispizju, fil-faċċata tal-knisja saret tibdila kbira . Ix-xogħol prinċipali, apparti affarijiet oħra, kien jikkonsisti fil-ħruġ ta' għaxar piedi aktar 'il barra. Il-kor, il-kappelluni u l-korsija kollha ġew absidjati. Il-koppla ġiet mibnija ottagonali minn barra u ċilindrata minn ġewwa. X'aktarx li Lorenzo Gafa' kellu x'jaqsam ma' dan it-tibdil kollu.

church plan

Huwa ċar li sa ftit snin wara nofs is-Seklu Tmintax, il-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Tarxien biddlet l-aspett arkitettoniku tagħha kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra. Din il-Knisja l-ġdida kienet ġiet ikkonsagrata fi żmien il-Kappillan Dun Ġwann Psaila (1768-99) fuq talba li għamel hu stess lill-Isqof Fra Vincenzo Labini (1780-1807) Isqof ta' Malta. L-editt tal-konsagrazzjoni jġib id-data ta' l-1 ta' Mejju 1782, filwaqt li l-funzjoni tal-konsagrazzjoni saret nhar it-8 ta' l-istess xahar, jum il-festa ta' Lapsi. Hekk il-knisja ma baqgħetx aktar dar tal-ġebel biss, imma saret id-Dar t'Alla.

 

Altari

Fil-Kappelli li hemm imwaqqfa fil-Knisja Parrokkjali nsibu diversi artali iddedikati lill-Madonna u l-Qaddisin.

L-Altar tal-Kunċizzjoni

artal tal-kuncizzjoni

B'digriet ta' l-Isqof Mons. Luca Buena (1666-68), nhar it-12 ta' Diċembru 1668 twaqqfet f'dan l-altar kongregazzjoni bit-titolu tal-Kunċizzjoni. Il-Kappella tal-Kunċizzjoni kienet lesta minn kollox sas-sena 1621 u kellha kullma kienet tinħtieġ, inkluż il-kwadru ta' Guercino li juri l-Madonna bil-qamar taħt riġlejha, waqt li fis-sema juri l-Missier Etern. Il-pittura li hemm illum saret minn Rokku Buhagiar. Qrib is-sena 1653, dan il-kwadru kien imdawwar bi gwarniċ tal-ġebel. Dan kien l-ewwel kwadru fil-parroċċa li ġie mdawwar hekk. Xogħol riċenti li sar f'din il-kappella tal-Kunċizzjoni, fl-1981, hija l-pittura li tirrappreżenta figuri mill-Bibbja li tkellmu fuq il-Kunċizzjoni.


 


 


 


 


 

L-Altar tal-Madonna tal-Karmnu u ta' l-Erwieħ tal-Purgatorju

artal tal-karmnu

F'nofs is-Seklu Sbatax diġa' kien hemm id-devozzjoni lejn l-Erwieħ tal-Purgatorju u meta tlesta x-xogħol ta' tkabbir u absidar fit-tliet kappelli tan-naħa tax-xellug ta' l-altar maġġur għall-ħabta tal-bidu tas-Seklu 18, ingħalaq il-bieb li qabel kien jagħti għall-ġenb tal-knisja u minfloku tqiegħed l-altar iddedikat lill- Madonna tal-Karmnu u l-Erwieħ tal-Purgatorju.

Il-pittur Enrico Reynaud (1692-1764) għamel il-pittura ta' fuq l-altar bil-Madonna b'Ġesu' Bambin bejn San Filippu Neri u Sant'Antnin minn Padova, waqt li fil-parti t'isfel daħħal l-Erwieħ tal-Purgatorju skond id-devozzjoni li kien hemm f'dan il-kappellun. Sas-sena 1745 żdiedu kwadru sotto-titular li kien fih ix-xbiha tal-Madonna tad-Dawl u Sant'Ignazju ta' Loyola.

Kien b'digriet mogħti nhar it-12 ta' Diċembru 1750 li l-Isqof Fra Paolo Alferan di Bussan ta l-fakolta' biex issir il-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Illum dan il-kappellun hu magħruf ukoll bħal tal-Madonna tad-Duttrina (1874) għax fih twaqqfet il-Fratellanza tad-Duttrina u flok is-sotto kwadru l-qadim saret pittura oħra tal-Madonna bil-ktieb tad-Duttrina f'idejha, xogħol ta' Pietro Gagliardi (1809-90) fl-1874. Is-solennita' tal-Madonna tad-Duttrina tiġi ċċelebrat f'Ħal Tarxien fl-ewwel Ħadd fuq is-16 ta' Lulju.


L-Altar ta' San Anardartal ta san anard

Fil-kampanja qrib Ħal Tarxien, fl-inħawi msejjħa Tal-Qussasa ta' Bulebel fis-Seklu 16, kien hemm knisja ddedikata lil San Anard. Din il-knisja sa l-1660 kienet tagħmel mal-knejjes rurali taż-Żejtun. Quddiemha kellha ċimiterju. Iżda din sal-1627 kienet diġa' ġiet ipprofanata. Jingħad li meta nbniet l-ewwel knisja parrokkjali kien hemm altar f'ġieħ San Anard, iżda dan sa l-1621 ma kienx għadu fil-parroċċa l-qadima minħabba li kien ġa sab postu fil-parroċċa l-ġdida.

L-altar tal-kappella f'ġieħ San Anard kien tal-ġebel u fuqu kien hemm kwadru li fih fin-naħa ta' fuq kien hemm il-Madonna waqt li aktar 'l isfel kienu jidhru x-xbihat ta' San Anard u ta' San Mattew, li kien qiegħed fuq il-lemin tal-Madonna, xogħol ta' Fraġisku Żahra.

Fis-sena 1723 insibu li din il-kappella kellha tinbena mill-ġdid u tlestiet sas-sena 1729. Għalkemm il-kwadru baqa' l-istess, għall-ħabta tas-sena 1777 fuq l-altar tqiegħed kwadru sotto-titulari li kien fih ix-xbihat tal-Madonna, Sant'Anna u San Ġwakkin, u maż-żmien il-kappella bdiet tissejjaħ ta' Sant'Anna. Dan is-sottokwadru tneħħa fl-1936.

L-Altar ta' Santu Rokku jew tad-Duluriartal ta santu rokku jew tad-duluri

Illum magħruf bħala l-altar tad-Duluri. Dan l-altar kien fuq in-naħa tax-xellug ta' l-altar maġġur aktarx li ġie mqiegħed hemm bħala devozzjoni lejn il-qaddis Santu Rokku tlestiet wara l-pesta ta' l-1592 li ħalliet bosta vittmi f'Malta kollha. Meta fl-1627 inbniet il-knisja parrokkjali l-ġdida nsibu l-altar li kien tal-ġebel. Il-kwadru li kien hemm fuqu tbiddel u barra x-xbihat ta' Santu Rokku u San Bastjan kien hemm ukoll ix-xbiha tal-Madonna kif ukoll dik ta' San Pawl.

Fi żmien il-kappillan Dr. D.Frangisk Felic Attard (1876-1921), għall-ħabta tas-sena 1890, fuq dan l-altar tpoġġa l-kwadru tad-Duluri, xogħol il-pittur Ġużeppi Cali' u b'hekk dan l-altar issa ħa l-isem bħala l-altar tad-Duluri. Minn dak iż-żmien ‘l hawn ġibed devozzjoni kbira lejh.


 


 

 

 

 

L-Altar ta' San Ġuzeppaltar ta san guzepp

B'digriet mogħti mill-Isqof Cagliares nhar l-1 ta' Marzu 1624, ġiet akkwistata l-aħħar kappella fuq in-naħa tal-bieb tal-ġenb iddedikata lill-Patrijarka San Ġuzepp. Fin-nofs ta' dan il-kwadru kien hemm ix-xbiha ta' Ġesu' li fuq naħa kellu l-Madonna u fuq in-naħa l-oħra San Ġużepp. Aktar tard żdiedet ix-xbiha tal-Missier Etern u l-ismijiet taż-żewġ benefatturi ta' din il-kappella fin-naħa t'isfel. Din il-pittura hi xogħol ta' Ġannikol Buhagiar.

Qrib is-sena 1679, fuq dan l-altar, li allura kien tal-ġebel bħal altari oħra, beda jsir xi xogħol ta' skultura. Jingħad li l-kwadru kellu fih ukoll ix-xbiha ta' l-Ispirtu s-Santu.


 


 


 

L-Altar ta' San Franġisk t'Assisi - Issa tal-Qalb ta' Ġesu'

altar ta san frangisk

Illum magħruf bħala l-Altar tal-Qalb ta' Gesu'. Dan l-altar ra l-bidu tiegħu għall-ħabta tas-sena 1627 wara li l-Isqof Don Baldassere Cagliares laqa' talba magħmula għal dan l-iskop minn ċertu Mattew Portelli. Fuq dan l-altar, li kien tal-ġebel, kien hemm kwadru bix-xbihat tal-Madonna u San Franġisk, iżda aktar tard żdiedet ukoll ix-xbiha ta' Fra Leone. Dan il-kwadru tbiddel bejn is- snin 1686 u 1693.


Għall-ħabta ta' 1770 ix-xbiha ta' San Franġisk tilfet ftit mill-importanza tagħha u minħabba f'hekk sar kwadru ieħor ġdid. Din id-darba fil-parti ċentrali ġiet impittra x-xbiha tal-Qalb ta' Ġesu' b'San Franġisk u Santa Tereza d'Avila fin-naħa t'isfel, xogħol il-pittur Franġisku Żahra (1710-73), wieħed mill-aqwa artisti Maltin tas-Seklu 18. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta' Ġesu' kienu daħħluha f'Ħal Tarxien il-Ġiżwiti meta kien ġew joqgħodu fid-Dar ta' Gana' qrib is-sena 1770.


 

 

L-Altar ta' Santa Katerina u Sant'Agata jew Taċ-Ċintura

altar ta santa katarina

Illum magħruf bħala l-altar tal-Madonna taċ-Ċintura. Qabel ma' nbniet il-knisja parrokkjali l-ġdida, kemm Santa Katerina kif ukoll Sant'Agata kellhom altar b'qima lejhom f'żewġ knejjes oħra differenti f'Ħal Tarxien: Santa Katerina fil-knisja ta' San Pawl sas-sena 1600, u Sant'Agata fil-knisja parrokkjali l-qadima sas-sena 1615.


Fis-sena 1770, dan l-altar flimkien mal-kappella ġew mogħtija lill-fratellanza taċ-Ċintura u dlonk dawn biddlu l-kwadru li kien hemm fuq l-altar. Fiż-żjara li għamel l-Isqof Pellerano fis-sena 1777, insibu li l-kwadru (xogħol ta' Franġisku Żahra) tbiddel għat-tieni darba u issa kien fih ix-xbiha tal-Madonna fin-nofs b'dawk ta' Santa Katerina u anke ta' Sant'Agata fuq naħa u Santa Moniku u Santu Wistin fuq in-naħa l-oħra, dak li hemm illum. U hekk dan l-altar beda jissejjaħ taċ-Ċintura. Fis-seklu 19, dan l-altar sar ta' l-irħam u ħallas għalih Agostino Faure', li kien devot kbir u rettur għal ħafna snin tal-fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura.


 

L-Altar ta' Sant'Andrija u San Nikola ta' Bari jew ta' San Franġisk de Paola

Illum magħruf bħala l-altar ta' San Franġisk minn Paola. Din il-kappella kienet waħda minn ta' l-ewwel li tlestiet waqt li kienet qed tinbena l-knisja l-ġdida parrokkjali wara l-1610. Fl-imgħoddi din il-kappella kienet inbniet b'qima lil Sant'Andrija u San Nikola ta' Bari. Fl-1615 il-kappella ta' Sant'Andrija u San Nikola ta' Bari li kienu jinsabu f'Tal-Barrani, ġew imwaqqa' biex il-beni tagħhom jitqiegħdu f'dawn l-artali. Fis-sena 1627 fuq l-altar kien hemm impittra ix-xbihat ta' dawn iż-żewġ qaddisin. Dan il-kwadru tneħħa biex minn floku tqiegħed ieħor li hemm illum impitter minn Gużeppi Cali' (1846-1930) li juri lil San Franġisk ta' Paola ma' San Mikiel.

Dan hu wieħed mill-isbaħ xogħlijiet ta' dan il-pittur u li tħallas mill-kappillan Dun Franġisk Attard u l-Perit Mikiel Busuttil.


L-Altar tal-Madonna tar-Rużarju

artal madonna tar-ruzarju

B'digriet tal-Ġeneral tal-Patrijiet Dumnikani mogħti f'Ruma nhar l-20 ta' Lulju 1597, f'Ħal Tarxien twaqqfet il-Fratellanza tar-Rużarju. Sas-sena 1627, din il-kappella li kienet maġenb l-artal maġġur, pariġġ il-kappella tal-Kunċizzjoni, kienet lesta u kellha altar tal-ġebel li fuqu kien hemm inkwatru kbir tal-Madonna tar-Rużarju imdawwar bil-misterji ta' din id-devozzjoni Marjana. 'Il hemm mill-kwadru ta' dan l-altar tqiegħed ieħor imdawwar bi gwarniċ tal-ġebel u skultura oħra, li fih kien hemm impittra xbieha tal-Missier Etern.

Fi tmiem is-Seklu 17, fuq dan il-kwadru, barra li l-Madonna tar-Rużarju, kien hemm ukoll ix-xbihat ta' San Duminku u San Franġisk t'Assisi fuq in-naħa tal-lemin waqt li fuq in-naħa l-oħra kien hemm dawk ta' San Karlu Barromeo u Santa Katerina minn Sienna. Fuq l-irjus tal-Madonna u tal-Bambin kienu tqiegħdu żewġ kuruni tal-fidda.


Sa l-1709 fejn illum hemm l-artal tal-Madonna tar-Rużarju, kien hemm l-artal tal-Kurċifiss. Meta bejn is-snin 1709 u 1723 dan il-kappellun ġie absidat u l-bieb li kien hemm ġie magħluq, il-Fratellanza tar-Rużarju ħadet dan il-kappellun, u ma baqgħetx Iżjed fil-kappella ta' ħdejn l-artal Maġġur iżda marret fil-kappellun fejn tinsab illum.

Fis-sena 1699, fil-kappella ta' ħdejn l-artal Maġġur, li dak iż-żmien kienet għadha ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju, instabet niċċa li fiha kien hemm statwa ta' l-injam xbieha tal-Madonna. Din kienu joħorguha fil-purċissjoni nhar l-ewwel Ħadd t'Ottubru ta' kull sena fil-festa tar-Rużarju. Din kienet xi ħaġa unika għal Ħal Tarxien u kienet l-ewwel statwa proċessjonali li kien hemm f'dan ir-raħal sakemm saret dik tal-Lunzjata fis-Seklu Dsatax.


Il-kwadru kbir tal-Madonna tar-Rużarju hu mdawwar bi 15-il kwadru żgħar oħra li jirrapreżentaw il-15-il Misteru tar-Rużarju, ibda mit-tħabbira ta' l-Anġlu sa l-inkoronazzjoni tal-Madonna fis-sema. Dan kien impitter minn Franġisku Żahra fl-1770.

Is-sottokwadru ta' San Franġisk Saverju hu xogħol ta' Le Favray.

L-Altar tal-Kurċifiss

artal tal-kurcifiss

Qabel l-1709 dan l-artal kien fejn illum hemm il-kappellun tar-Rużarju; illum jinsab fejn hemm l-artal Maġġur. Dan l-altar kien tal-ġebel bħall-altari l-oħra, iżda fuqu kien hemm niċċa b'kurċifiss kbir ta' l-injam bi Kristu msallab fuqu, xogħol ta' l-iskola ta' Melkjorre Gafa'.

L-Altar tal-Kurċifiss kien fdat f'idejn is-Sodalita' ta' l-Agunija li twaqqfet f'Ħal Tarxien fl-altar Maġġur tal-Knisja nhar it-30 ta' Awissu 1674. Dan l-artal hu magħruf ukoll bħala l-artal tas-Sagrament.


 


 


 


 

L-Altar Maġġur

artal maggur

Meta nbniet il-Knisja Parrokkjali l-ġdida, l-altar maġġur kien iddedikat lit-Tħabbira ta' l-Anġlu lill-Madonna. Ix-xogħol fuq dan l-altar tlesta sas-sena 1627. Dan l-altar kien parti tal-ġebel u parti ta' l-injam. Fuq dan l-altar kien hemm imwaqqfa il-Fratellanza tas-Sagrament. Matul is-snin sar xi tibdil fuq dan l-altar, iżda l-aqwa u l-akbar tibdila nafuha lill-għaqal ta' Dun Ġwann Barbara (1670-1759). Dun Ġwann xtaq li dan isir kollu ta l-irħam speċjali magħruf bħala Lapis Lazuli. Dan ġie maħdum mill-marmista Senglean Antonio Nikolas. Din ix-xewqa seħħet u l-altar il-ġdid ġie mbierek minn Mons. Vigarju nhar id-19 ta' Ottubru 1779.


 


 


 


L-Altar tal-Kor

artal tal kor

Fuq l-altar tal-kor, għall-ħabta ta' l-1627, kien hemm il-kwadru titulari li kien jirrappreżenta t-tħabbira ta' l-Anġlu lill-Madonna biż-żieda fuq in-naħa t'isfel tax-xbihat ta' San Pawl u San Luqa. Fis-sena 1636, insibu kwadru ieħor iżgħar (sotto-kwadru li fih ix-xbiha ta' Kristu mejjet imkebbeb fil-liżar kif ukoll dik ta' San Franġisk. Dan issa qiegħed merfugħ fid-dar tal-Kappillan.

Fl-1739 kien sar kwadru minn Alessio Erardi li kien fih imdaħħla l-Missier Eterna u fil-ġnub il-qaddisin Pawlu u Luqa. Dan il-kwadru tbiddel, għax fl-1874, insibu fuq dan l-altar, kwadru l-ġmiel tiegħu, xbieha tal-Lunzjata, xogħol mill-isbaħ ta' l-arti Rumana tas-Seklu 19, xogħol devot u artistiku li ħareġ minn taħt idejn Pietro Gagliardi (1809-94).

Wara l-1719 l-artal kien magħmul tal-ġebel u parti ta' l-injam. Hu ġie magħmul ta' l-irħam kollu fis-sena 1904.

Il-Kor ġie absidat u mkabbar fl-1723. Is-Sedji tal-Kor ġew magħmula minn Antonio Farrugia tal-Birgu fuq disinn ta' Franġisku Żahra fl-1752.